Kif jaħsbuha? – il-Kullħadd

Dan l-artiklu ġie ppublikat fuq il-Kulħadd, 30 t’April, 2017 – Marco Bonnici, Kandidat għal President tal-Malta Union of Teachers

Fil-ġimgħat li ġejjin tkun deċiża l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT. Din hija waħda mill-iktar unjins importanti f’pajjiżna u t-taqtigħa għall-ogħla kariga tagħha hija waħda taħraq ferm. Tkellimna mal-kontestanti dwar kif jaħsbuha. Kellna 10 mistoqsijiet u ridna tweġibiet diretti.

1. Kemm ilek tifforma parti mill-MUT?
Madwar 18-il sena. Kont delegat tal-Unjin u disa’ snin ilu kont elett għall-ewwel darba fil-kunsill tal-MUT. Sitt snin ilu kont elett bħala l-Viċi President Anzjan (Senior Vice President) filwaqt li tliet snin ilu erġajt ġejt elett fl-istess kariga permezz ta’ vot dirett mill-membri.

2. Għalfejn fl-Unjin u mhux fi klassi?
Meta ġejt elett l-ewwel darba bħala Viċi President Anzjan, kont għalliem mal-Aġenzija Żgħażagħ u ma kelli l-ebda ħsieb li nkun full-time l-Unjin. Madanakollu l-ħtiġijiet tal-Unjin kibru fil-kuntest tan-numru ta’ riformi u wasslu sabiex saret talba biex ftit ġimgħat wara li ġejt elett dħalt full-time l-Unjin.

3. Tliet kelmiet li jagħmluk President tajjeb.
Nemmen bis-sħiħ fl-onestà, il-viżjoni u l-kompetenza bħala fatturi essenzjali fit-tmexxija.

4. X’inhi l-proposta ewlenija tiegħek?
M’iniex ser insemmi proposta speċifika għax nemmen li l-50 proposta li qed nippreżenta jilħqu l-viżjoni li qed nipproponi li nwettaq. Madankollu l-għan ewlieni hu li nassiguraw l-għeluq u l-implimentazzjoni ta’ kull ftehim li għandna pendenti sabiex nibdew nindirizzaw il-kriżi li għandna fl-edukazzjoni fejn edukaturi qed jixbgħu u jħallu l-professjoni filwaqt li huma ftit wisq iż-żgħażagħ li qed jagħżlu l-professjoni.

5. Fuq liema aspetti trid li l-MUT tkun iżjed voċifera?
F’dawn l-aħħar sitt snin kellna kemm kisbiet kif ukoll nuqqasijiet. Nemmen li sar ħafna xogħol fil-mod kif nindirizzaw il-każijiet individwali, il-mod kif inwasslu l-messaġġ lill-membri u l-infrastruttura tal-Unjin. Nemmen iżda li għandna naħdmu ħafna aktar fuq l-aspett kollettiv li jinkludi l-ħarsien tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi kollha u l-kumpens xieraq, il-protezzjoni minn sitwazzjonijiet abbużivi u ħolqien ta’ opportunitajiet fl-impjiegi sabiex l-edukaturi jkollhom lejn xiex jaspiraw mil-lat professjonali b’inċentivi finanzjarji. Fuq dan l-aħħar aspett li semmejt se nkun fuq kollox voċiferu.

6. Din elezzjoni taħraq, tort tiegħek jew ta’ Franklin Barbara?
Il-ħidma tiegħi fl-Unjin kienet estiża u konkreta. Din wettaqtha matul is-snin permezz tat-tħaddin ta’ viżjoni kollettiva bbażata fuq id-djalogu u l-fiduċja. Meta minflok id-djalogu jirrenjaw ir-rapporti, l-intimidazzjonijiet u l-azzjonijiet legali, meta minflok il-viżjoni tirrenja l-medjokrità, it-teatrini u l-populiżmu, u meta minflok il-fiduċja jkun hemm it-tradiment, tintilef kull sens ta’ għaqda li hi sinonima mal-MUT u li qed tkun ta’ dannu għall-Unjin u għall-professjoni.

7. Int kont involut fit-tmexxija tal-MUT fl-aħħar snin, liem kien l-aktar każ inkwetanti?
L-aktar każ inkwetanti hu dejjem il-każ li tkun għadek ma solvejtx għaliex tibqa’ għaddej taħseb fuqu lejl u nhar sakemm issib soluzzjoni. Madanakollu, l-iktar mument diffiċli kien meta skola partikolari tterminat numru ta’ edukaturi u rajt f’għajnejhom il-qtigħ il-qalb u t-tbatijiet li kienu ser jgħaddu minnhom huma flimkien mal-familji tagħhom.

8. Ir-riforma edukattiva My Journey; x’irwol se jkollok?
Il-My Journey u il-Learning Outcomes Framework ser jidħlu biss jekk ikun hemm ftehim mal-Unjin b’konsultazzjoni mal-membri. L-implimentazzjoni hi kumplessa ħafna u teħtieġ strutturi ċari li jirregolaw l-impatt fuq ix-xogħol. Dan filwaqt li jrid ikun hemm kumpens għal kull ħaġa li żdiedet mill-ftehim tal-2010 ’l hawn filwaqt li għandna nieqfu sabiex ma jkunx hemm aktar żieda fl-ammont ta’ xogħol.

9. Tqum il-kwistjoni tal-ftehim kollettiv, kif se tara li d-diskussjonijiet jipprogressaw biex eventwalment jintlaħaq ftehim?
Għandna ftehim settorali miftuħ u li jeħtieġ li jiġi konkluż kemm jista’ jkun malajr. Kommess li jekk ningħata l-fiduċja nkomplu n-negozjati mill-ewwel u b’mod intensiv u niftħu n-negozjati fuq il-ftehim kollettiv tal-iskejjel tal-knisja sabiex dan jiġi konkluż b’mod parallel. Iż-żmien ser ikun kruċjali għaliex irridu nagħmlu proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni sabiex il-ftehim jirrifletti l-ħtiġijiet kollha u fuq kollox dawk tal-membri. Dan filwaqt li rridu nikkonkludu l-ftehim tal-ITS u l-MCAST permezz tal-istess proċess.

10. Jekk titlef, daqshekk MUT?
L-MUT hi istituzzjoni akbar minn kull wieħed jew waħda minna u jiżbalja min jaħseb li għandu xi dritt divin li jmexxi l-Unjin akkost ta’ kollox. Sostnejt it-tmexxija tal-Unjin u ridt inservi fl-istrutturi tal-MUT mill-bidu tal-karriera tiegħi u ħadd u xejn mhu ser ibiddel il-mod kif inħares lejn l-Unjin. Dan filwaqt li mhux qiegħed fit-tiġrija biex nitlef.