Informazzjoni Personali
Marco Bonnici għandu 46 sena u għal dawn l-aħħar ħames snin okkupa l-kariga ta’ President tal-Malta Union of Teachers (MUT). Qabel kien għamel ukoll sitt snin fil-kariga ta’ Viċi President Anzjan (Senior Vice President). Hu iben George u l-mibkija Mary u għandu ħuh wiehed Tony. Hu miżżewweġ lil Moira Navarro u joqgħodu l-Imsida.
Edukazzjoni u Esperjenza
Iggradwat mill-Università ta’ Malta fl-edukazzjoni, fl-Istudji taż-Żgħażagħ u fit-tmexxija u l-immanniġġjar edukattiv. Għallem il-fiżika u l-matematika fl-iskejjel sekondarji tal-Istat tal-Ħamrun (M’Assunta), Santa Luċija (Margaret Mortimer) u Pembroke (Sandhurst). Hu kien parti minn tim ta’ edukaturi li waqqfu l-Aġenzija Żgħażagħ u l-portal Youth Information Malta filwaqt li kellu sehem f’numru ta’ inizjattivi u proġetti bħall-Ġimgħa Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Konkors Letteratura għaż-Żgħażagħ u l-organizzazzjoni tal-laqgħa maż-żgħażagħ fl-okkażjoni tal-miġja f’Malta tal-QT il-Papa Benedittu.
Il-Bidu fl-MUT
Hu wera interess fl-MUT mill-bidu tal-karriera tiegħu fl-1999 fejn serva bħala delegat tal-Union għal numru ta’ snin sakemm fl-2008 kien elett fil-kunsill tal-MUT. Matul dan il-perijodu waqqaf il-kumitat taż-żgħażagħ fi ħdan il-Union u għadda emendi fl-istatut sabiex iż-żgħażagħ u l-istudenti jkunu rappreżentati fil-Kunsill Ġenerali u fl-istrutturi tal-Union. Fl-2011 kien elett bħala Viċi President Anzjan permezz ta’ vot unanimu mill-Kunsill. Hu ingħaqad bħal uffiċjal full-time fil-Union minn Ottubru tal-istess sena u reġa’ kkontesta l-kariga fl-2014, fejn sar l-ewwel Viċi President Anzjan elett direttament mill-membri wara tibdil fl-istatut.
Xogħol bħala Viċi President Anzjan
Marco introduċa diversi prattiċi fil-Union, li kiseb mill-esperjenzi varji fl-oqsma li ħadem fihom. Dawn jinkludu t-twaqqif tal-uffiċċju tal-komunikazzjoni, it-tiġdid fl-infrastruttura varja li tinkludi l-portal tal-Union, is-sistema ta’ database u lloggjar, sistema ta’ accounts, payroll u membership cards. Flimkien ma’ numru ta’ membri tal-Kunsill u l-uffiċċju tal-komunikazzjoni fassal il-kampanji kollha li għamlet il-Union matul dawn l-aħħar sitt snin. Dawn jinkludu kampanji dwar għarfien ta’ abbuż fil-post tax-xogħol, cyberbullying, rispett lejn l-edukaturi, l-użu tat-teknoloġija kif ukoll il-produzzjoni ta’ materjal awdjoviżiv u publikazzjonijiet relatati mal-ħidma tal-Union. Dan filwaqt li ħadem sabiex itejjeb id-diversi metodi ta ġbir ta’ feedback, bit-tisħiħ tal-preżenza tal-Union fis-social media u l-użu ta’ online surveys li kkontribwew għal pożizzjonijiet li ħadet il-Union f’diversi oqsma. Ipparteċipa wkoll f’diversi konferenzi internazzjonali, proġetti, study visits, u shadowing f’istituzzjonijiet edukattivi f’pajjiżi Ewropej li jinkludu l-Italja, l-Ingilterra, il-Portugall, Spanja, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Polonja u l-Ungerija.
Matul dawn is-snin, Marco offra għajnuna kontinwa lill-membri fuq livelli individwali u fil-kollettiv. Flimkien mal-Uffiċċjali l-oħra, huwa innegozja u kkonkluda diversi Collective Agreements u Memoranda of Understanding. Dawn jinkludu numru ta’ agreements ġodda wara li l-Union kisbet il-maġġoranza tal-membri fil-postijiet tax-xogħol, kif ukoll reviżjonijiet ta’ agreements li skadew jew inkella li kien jeħtieġ li jiġu mġedda.
Marco fforma parti mill-Kunsill tal-For.U.M. u jirrappreżenta lill-MUT u/jew lil For.U.M. f’diversi bordijiet u kumitati. Dawn jikludu l-NCF board, l-IfE board, l-SAB board, l-OTPC board, l-LGrB u l-kumitat Ministerjali li twaqqaf riċentement sabiex jevalwa l-professjoni tal-edukaturi.
Marco kien ukoll responsabbli mill-ikbar proġett li l-Union daħlet għalih f’dawn l-aħħar snin, li hija l-bidla tal-kwartieri tal-Union. Huwa fil-fatt kien responsabbli minn negozjati fuq il-bejgħ tal-propjetà tal-Belt Valletta u xiri ta’ propjetà ġdida aktar aċċessibli u moderna tal-Union. Dawn kienu konklużi bl-iffirmar tal-kuntratti rispettivi lejn tmiem l-2016. Hu kien responsabbli wkoll mill-applikazzjonijiet relatati u mix-xogħolijiet kollha li saru fil-propjetà l-ġdida tal-Ħamrun sabiex tkun tista’ taqdi l-ħtiġijiet tal-Union. Dan filwaqt li kkordina wkoll it-tranżizzjoni tal-operat tal-Union mill-Uffiċċji l-antiki għal dawk ġodda.
President tal-Malta Union of Teachers
F’Ġunju tal-2017 Marco sar il-President il-ġdid tal-Malta Union of Teachers. Minn dak iż-żmien ‘l hawn ix-xogħol ma qata’ xejn, xhieda ta’ dan il-website tal-MUT, MUT.ORG.MT, b’informazzjoni kontinwa għall-membri dwar suġġetti li l-union tkun qed taħdem fuqhom ‘il ħin kollu taħt id-direzzjoni ta’ Marco bħala President. Dawn l-aħħar jiem l-MUT nediet ukoll rapport tat-tliet snin ta’ ħidma, jiġifieri bejn Lulju 2017 u Ġunju 2020. Dan jinsab f’dan il-link: RAPPORT TA’ ĦIDMA 2017-2020.
You must be logged in to post a comment.