Dan l-artiklu ġie ppublikat fuq il-Mument, 23 t’April, 2017 – Marco Bonnici, Kandidat għal President tal-Malta Union of Teachers
Għal dawn l-aħħar sitt ġimgħat minn mindu ħabbart li se nikkontesta l-kariga ta’ President tal-Malta Union of Teachers bil-‘Viżjoni għall-MUT 2019’, iltqajt u tkellimt ma’ numru kbir ta’ edukaturi li għadhom fl-iskejjel u ma’ oħrajn li għal diversi raġunijiet ma għadhomx. Id-diskors dejjem jaqa’ fuq l-istess punti li jidher li huma kruċjali għal min għandu għal qalbu s-settur tal-edukazzjoni.
Il-kriżi fl-edukazzjoni
Kif mistenni l-effetti ta’ nuqqas ta’ edukaturi bdew jinħassu u din hi tema fuq fomm kulħadd. Il-previżjonijiet dwar in-numru ta’ studenti fil-korsijiet li jwasslu għal gradi differenti tal-għalliema mhumiex inkoraġġanti filwaqt li edukaturi ta’ esperjenza qed iħallu l-professjoni. Nemmen li filwaqt li nsemmu n-nuqqasijiet li wasslu għal din iċ-ċirkustanza, għandna nkunu proattivi u noffru soluzzjonijiet. B’rieda tajba u b’kollaborazzjoni mal-imsieħba fis-settur nistgħu naslu sabiex nilqgħu għad-diffikultajiet li qed u se niltaqgħu magħhom. Dan filwaqt li nibdew il-mixja li twassal sabiex edukaturi jagħżlu li jkomplu jagħtu s-servizzi tagħhom fl-iskejjel filwaqt li aktar żgħażagħ jerġgħu jibdew jagħżlu l-professjonijiet tal-edukaturi. Se nsemmi żewġ punti:
1. Intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi flimkien mas-salarji/allowances fil-kuntest ta’ ftehim kollettiv/settorjali
Minħabba li l-akbar settur li nirrappreżentaw hu tal-Iskejjel tal-Istat, ħafna edukaturi jaħsbu li s-salarji jmorru lil hinn min-negozjati li tista’ qatt tagħmel l-MUT. Filwaqt li s-salarji tal-iskejjel tal-Istat (u tal-Knisja – minħabba ftehim bejn l-Istat u l-Knisja) huma marbuta mal- ftehim tas-Servizz Pubbliku, liema ftehim qed ikun negozjat f’dawn il-jiem, is-salarji ta’ setturi oħra mhumiex. F’negozjati ta’ ftehim kollettiv ftit tax-xhur ilu, flimkien mal-Viċi President Norman Grech u d-delegati tal-Union, irnexxielna niksbu żieda ta’ aktar minn sebgħa fil-mija fis-salarji tal-edukaturi f’waħda mill-ikbar skejjel indipendenti. Flimkien ma’ dan, ħloqna opportunitajiet ġodda għall-edukaturi u rregolarizzajna prattiċi li kienu ddaħħlu barra mill-ftehim. Dan filwaqt li żammejna l-edukaturi aġġornati dwar l-iżviluppi fin-negozjati filwaqt li ressaqna l-ftehim kollettiv għall-approvazzjoni tal-membri. Dan kollu f’inqas minn sitt xhur ta’ negozjati. Huma esperjenzi bħal dawn li jagħmlulna kuraġġ sabiex nipproponu li nikkonkludu kull ftehim kollettiv u settorjali li hemm miftuħ fl-iqsar żmien possibbli, wara konsultazzjoni mal-edukaturi. Jien insostni li għandna nindirizzaw b’mod konkret iż-żidiet fis-salarji u fl-allowances. Nemmen ukoll li ż-żidiet kollha u t-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għandna l-ewwelnett nesiġuhom minħabba l-prattiċi kollha ġodda li daħlu f’dawn l-aħħar seba’ snin, uħud mill-ventelatur, u li impattaw bil-kbir fuq il-ħidma tal-edukaturi f’kull qasam. Dan filwaqt li prattiċi li jeżistu jiddaħħlu bħala parti mill-ftehim jew inkella jiġu mwaqqfa.
2. Nirrikonoxxu u nindirizzaw id-diffikultajiet li għandna fl-iskejjel
Bdejt apposta bit-terminu ‘nirrikonoxxu’. Dan għaliex ftit tas-snin ilu, kull meta l-Union kienet issemma’ leħinha dwar diffikultajiet li għandna fl-iskejjel, konna nistennew reazzjoni kważi immedjata li bħallikieku qed nivvintaw kollox. Jgħidu li l-istorja tirrepeti ruħha iżda nappella sabiex ma nerġgħux niġu f’sitwazzjoni fejn minflok nirrikonoxxu n-nuqqasijiet u naħdmu fuqhom, nipprovaw insibu l-kawża tagħhom fil-ħidma tal-edukaturi nfushom. Tajjeb li nsemmu d-dixxiplina fejn għad għandna sitwazzjonijiet ċari fejn il-burrokrazija li nħolqot fit-tħaddim ta’ policies ta’ dixxiplina qed iwasslu sabiex deċiżjonijiet sempliċi u li fil-passat kienu jittieħdu mill-Kap tal-Iskola flimkien mal-edukaturi, illum qed ikollhom jgħaddu minn għarbiel ta’ proċeduri varji. Dan qed itellef kull sens ta’ immedjatezza li hi meħtieġa biex tindirizza dawn is-sitwazzjonijiet, fejn l-azzjoni tittieħed meta kulħadd ikun nesa l-inċident li wassal għall-proċess. Xtaqt ukoll nagħmel referenza għall-inklużjoni. Wasal iż-żmien li nirrikonoxxu li l-inklużjoni ma tistax taħdem dejjem, għal kulħadd u bl-istess mod. Qed ikollna sitwazzjonijiet fejn l-edukaturi qed jintalbu jagħmlu l-mirakli meta hu ċar li dan hu ta’ detriment kemm għall-istess student li jeħtieġ is-sapport speċjalizzat, kif ukoll għal sħabu u għall-komunità kollha tal-iskola li qed tuża r-riżorsi kollha sabiex tagħmel l-impossibli. Barra minn hekk nemmen li wasal iż-żmien li r-rapport dwar l-inklużjoni ikkummissjonat mill-Ministeru, jiġi diskuss mal-Union sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet meħtieġa. Inżid ma’ dan kollu li għandna nagħmlu minn kollox sabiex ma nħallux edukaturi f’riskju ta’ attakki mill-istudenti jew inkella li jisfaw vittmi ta’ allegazzjonijiet ta’ abbuż. Ta spiss kellna nieħdu azzjoni sabiex nipproteġu l-edukaturi, ħafna drabi b’direttivi, meta hu ċar li din il-protezzjoni trid tingħata b’mod preventiv u effettiv minn min iħaddem u mhux fi stat ta’ paniku wara li l-azzjoni tkun saret.
Nistedinkom sabiex taraw il-proposti kollha fis-sit internet http://www.marcobonnici.com. Fit-tfassil tal-manifest, jien u sħabi, grupp ta’ kollegi edukaturi, konna qrib ħafna tal-gradi kollha tal-għalliema meta mill-bidunett tal-kampanja għażilna l-ħamsin proposta għall-manifest tagħna. Nemmen bis-sħiħ fil-proposti tagħna għax huma tal-edukaturi nfushom, anki jekk jistgħu dejjem jibqgħu jitjiebu u jevolvu maż-żmien. Bħalma sostnejt fit-tnedija tal-manifest ftit gimgħat ilu, jekk ningħataw il-fiduċja tal-membri tal-Union, il-proposti tagħna se jitressqu għad-diskussjoni quddiem il-Kunsill il-ġdid tal-MUT fejn ikun l-istess Kunsill li jsawwarhom fil-programm ta’ ħidma tal-Union għat-tliet snin li ġejjin.