Dan l-artiklu ġie ppublikat fuq it-Torċa il-Ħadd, 30 t’April, 2017 – Marco Bonnici, Kandidat għal President tal-Malta Union of Teachers
Sa minn meta tħabbret in-nomina tiegħi għal President tal-Malta Union of Teachers, irċivejt numru sostanzjali ta’ kummenti, suġġerimenti u kif mistenni, lista ta’ diffikultajiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Fost dawn, tixref b’mod ripetut sitwazzjoni ta’ qtigħ il-qalb għaliex l-edukaturi ma għadhomx iħossu li għandhom l-għodod meħtieġa biex isibu rimedji għal sitwazzjonijiet kumplessi li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum fl-iskejjel. Fuq kollox jispikka element importanti li jweġġa’ lil ħafna edukaturi, dak li minkejja l-ġenerożità tagħhom – billi jaghmlu ħafna aktar xogħol milli jkun mistenni minnhom – bil-għan li jassiguraw l-aqwa esperjenza edukattiva lill- istudenti, xorta ssib persuni li jippruvaw jippontaw subgħajhom fuq dawk li fl-opinjoni tagħhom huma nuqqasijiet, u li kważi dejjem ma jkunux dovuti għall-edukatur innifsu.
Kriżi fl-edukazzjoni
Sfortunatament, dawn id-diffikultajiet flimkien ma’ oħrajn, qed iwasslu sabiex numru ta’ edukaturi ta’ esperjenza qed iħallu l-professjoni filwaqt li huma ftit iż-żgħażagħ li qed jagħżlu korsijiet li jwasslu għall-professjoni tal-edukaturi, f’dik li qed tissejjaħ minn ħafna bħala l-kriżi fl-edukazzjoni. Hija din is-sitwazzjoni li xprunat lili flimkien ma’ grupp ta’ edukaturi u kollegi sabiex nipproponu l-viżjoni għat-tmexxija tal-MUT, imsejħa ‘Vizjoni għall-MUT 2019 – Għaqda, Saħħa u Determinazzjoni’. Il-viżjoni tagħna tinġabar f’manifest b’ħamsin proposta konkreta. Se naghmel referenza għal xi wħud minn dawn il-proposti:
Il-volontarjat
Filwaqt li r-rittmu ta’ tibdil fil-qasam edukattiv hu mgħaġġel ħafna, għandna kultura fl-iskejjel li kontinwament jiddaħħlu prattiċi, programmi u inizjattivi barra l-kuntest ta’ ftehim stabbiliti, fejn edukaturi jintalbu jagħmluhom b’mod volontarju. Dan iwassal għal diversi diffikultajiet inkluż bejn l-edukaturi nfushom. Għalkemm jien inħoss li l-volontarjat hu essenzjali, dan ma għandu qatt jitħallat max-xogħol formali. Nemmen li kull ma jsir fuq il-post tax-xogħol, għandu jkun parti minn ftehim stabbilit u għaldaqstant ikun rikonoxxut. Hu għalhekk li qed nipproponu li nagħmlu eżerċizzju wiesgħa sabiex niġbru lista ta’ prattiċi li huma diġà stabbiliti bil-għan li jew jiddaħħlu bħala parti minn ftehim jew inkella jitwaqqfu b’effett immedjat.
Il-Mirakli
Kull meta jinqalgħu sitwazzjonijiet diffiċli bħal imġieba ħażina u/jew aggressiva u f’kazijiet oħra fejn l-inklużjoni tfalli, insibu dejjem lil xi ħadd li hu jew jagħmilha ta’ espert, li pront jagħti struzzjonijiet varji lill-edukaturi bħallikieku jistgħu jagħmlu l-mirakli. Wara li dawn l-istruzzjonijiet ma jwasslu għall-ebda riżultat, biex ma ngħidx li kultant jagħmlu aktar ħsara, insibu każijiet quddiemna bħala Union fejn ma jibqalek l-ebda triq għajr li tipproteġi lill-edukatur u lill-istudent minn sitwazzjoni li tkun ta’ detriment għalih u għall-kumplament tal-komunità tal-iskola. Hu għalhekk li qed insostnu li l-imġieba ħażina għandha tkun indirizzata fl-immedjat u mill-edukaturi fl-iskola, għaliex qed jintilef kull sens ta’ immedjatezza fl-azzjonijiet meta dawn jittieħdu barra mill-iskola, jiem wara li jiġi rrappurtat inċident. Barra minn hekk, jeħtieġ li kulħadd jirrikonoxxi li l-inklużjoni ma tistax taħdem dejjem u għal kulħadd. Inkunu qed nonqsu jekk nippruvaw insostnu sitwazzjonijiet li ma jkunux qed jagħmlu ġid la lill-istess student li jeħtieġ sapport speċjalizzat u lanqas lill-komunità tal-iskola. Għalhekk qed nipproponu li r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Ministeru dwar l-inklużjoni jibdew ikunu diskussi.
L-Abbuż
Minn stħarriġ li sar mill-Union u li kont responsabbli minnu ftit tas-snin ilu, kien ħareġ bl-aktar mod ċar li l-aktar sitwazzjoni li kienet qed tinkwieta lill-edukaturi hi relatata ma’ allegazzjonijiet ta’ abbuż li jistgħu jsiru minn kulħadd u li jistgħu jirvinaw kemm ir-reputazzjoni tal-edukatur kif ukoll l-impjieg. Dan ġara minħabba numru ta’ allegazzjonijiet li spiċċaw quddiem il-qrati u li xi wħud minnhom damu snin twal sakemm il- proċeduri ġew konklużi. Dan filwaqt li f’xi każijiet, l-isem tal-edukatur tperreċ ma’ kulħadd qabel ma biss kienu bdew il-proċeduri. Biex ma nsemmux ukoll kliem l-edukaturi stess li meta wieġbu l-istħarriġ qalu ċar li ma kienx hemm konsistenza fil-proċeduri. Din hi sitwazzjoni li diġà bdejna nindirizzawha b’kollaborazzjoni mal-Ministeri konċernati u li xiehda tagħha hu l-mod kawt kif ġie trattat każ riċenti. Nemmen iżda li l-element ta’ biża ma giex indirizzat u dan qed iwassal sabiex naqas ħafna l-kuntatt uman bejn l-edukatur u l-istudent. Jeħtieġ li jerġa’ jinkiseb l-element ta’ fiduċja li hu essenzjali f’kull relazzjoni inkluż dik bejn l-istudenti u l-edukaturi kif ukoll bejn il-ġenituri u l-iskola. Dan jista’ jsir billi l-edukaturi jsibu l-istrutturi li jissapportjawhom speċjalment f’sitwazzjonijiet diffiċli kif deskritti. Filwaqt li l-MUT għandha tibqa’ sservi ta’ tarka għall-membri li jeħtieġu l-għajnuna f’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ fuq kollox li min iħaddem, l-ewwelnett jassigura li l-edukatur ma jitħallhiex f’sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal riskji akbar ta’ allegazzjonijiet ta’ abbuż, u t-tieni ma għandu qatt jabdika mir-responsabbiltà u jħalli lill-edukatur waħdu meta jinqalgħu dawn iċ-ċirkustanzi.
Nemmen li jeħtieġ li nagħmlu minn kollox sabiex il-ħidma tal-edukaturi tkun rikonoxxuta u mogħtija l-valur li jixirqilha. Dan irid isir bil-fatti billi jsir titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fis-salarji; billi l-edukaturi jingħataw il-fiduċja li jieħdu deċiżjonijiet professjonali, billi nħarsu d-dritt għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, billi ma naċċettaw l-ebda sitwazzjoni fejn edukatur ikun aggredit fiżikament jew verbalment u billi nirrikonoxxu n-nuqqasijiet tas-sistema kumplessa li nħolqot matul is-snin u nindirizzawhom minflok ma nwaħħlu fl-edukaturi. Filwaqt li dawn huma biss uħud mill-fatturi li għandhom jgħinu sabiex nindirizzaw il-ħtiġijiet tal-qasam edukattiv, kif deskritti aktar kmieni, nistedinkom taraw il-proposti kollha tiegħi fis-sit http://www.marcobonnici.com.