L-ewwel xahar ta’ ħidma

Dan l-artiklu ġie ppublikat fuq it-Torċa il-Ħadd, 6 ta’ Awwissu, 2017 – minn Marco Bonnici President tal-MUT

Ftit tal-jiem ilu, fit-23 ta’ Lulju, kien egħluq l-ewwel xahar mill-bidu tal-ħidma tiegħi u ta’ sħabi fit-tmexxija tal-MUT. Kien xahar intensiv ħafna u li segwa perjodu twil ta’ kampanja elettorali. Tista’ tgħid li fi ftit sigħat wara li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni tat-tmexxija tal-Union, flimkien ma’ Norman Grech il-Viċi President Anzjan, bdejna mill-ewwel sabiex norganizzaw il-Konferenza Ġenerali Triennali, nassiguraw li l-ħatriet ġodda jsiru skont il-proċeduri stabbiliti fl-inqas żmien possibbli kif ukoll li l-istrutturi tal-Union ikunu qed jaħdmu. Il-mira kien li dawn il-proċessi kollha jkunu konklużi fi żmien xahar. Ilum ninsab sodisfatt li dan l-għan intlaħaq bl-għajnuna tal-kollegi uffiċjali, il-membri tal-Kunsill, l-istaff tal-Union u membri oħra li taw is-servizzi tagħhom lill-Union. Dan filwaqt li assistejna numru konsiderevoli ta’ membri u żammejna l-wegħdiet li għamilna dwar il-proposti inklużi fil-manifest, u li diġà beda x-xogħol fuqhom, u kif ukoll il-wegħdiet dwar it-tkomplija tal-ftehim settorali mal-Gvern, l-MCAST u l-ITS.

Konferenza Ġenerali

Il-Konferenza Ġenerali Triennali tal-MUT saret kif ippjanat fl-aħħar ta’ Ġunju, ġimgħa wara li tħabbar ir-riżultat. Din hija rikorrenza importanti ħafna għall-MUT għaliex tagħti rendikont tal-ħidma matul il-leġislatura li tkun qed tintemm, toffri opportunità ta’ diskussjoni fuq temi trejdjunjonistiċi, professjonali u edukattivi, u kif ukoll telenka l-miri li jridu jintlaħqu matul il-leġislatura li ssegwi. Matul il-konferenza tħabbret ukoll l-ewwel laqgħa tal-Kunsill il-ġdid li ltaqa’ ftit jiem wara.

Il-Ħatriet Ġodda

L-ewwel laqgħa tal-Kunsill li saret nhar it-3 ta Lulju, u li kienet tinkludi r-rapport fuq ir-riżultat elettorali, fissret il-ħatriet tal-Uffiċjali kollha tal-Union, bl-eċċezzjoni tas-Segretarju Ġenerali liema ħatra ssegwi proċedura ta’ sejħa pubblika u selezzjoni. Dakinhar stess, tard wara nofsinhar, tħabbar li flimkien miegħi u l-Viċi President Anzjan Norman Grech, inħatret Elaine Germani bħala Viċi President. Ħatriet oħra kienu jinkludu t-Teżorier, is-Segretarju Internazzjonali, l-Assistant Segretarju Ġenerali u numru ta’ Uffiċjali oħra li huma essenzjali għall-ħidma tal-Union fl-aspetti varji tagħha.

Minn Manifest għal Programm ta’ Ħidma

Kif imwiegħed matul il-kampanja elettorali, il-proposti tal-manifest tressqu għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni tal-Kunsill. Dan sar fl-10 ta Lulju matul seduta pjuttost twila, u li rat l-approvazzjoni tal-proposti wara diskussjoni u li għaldaqstant dawn issa saru l-programm tal-ħidma tal-MUT għal din il-leġislatura. Dan wassal biex dakinhar stess saret it-talba lil Ministeru tal-Edukazzjoni biex jerġgħu jibdew in-negozjati fuq il-ftehim settorali tal-gradi kollha tal-edukaturi.

Negozjati tal-ftehim Settorali u Kollettivi

Wara l-imsemmija talba għat-tkomplija tan-negozjati fuq il-ftehim settorali, saret laqgħa mal-Ministru Bartolo flimkien mas-Segretarju Permanenti u mad-Diretturi Ġenerali fejn qbilna dwar il-mod kif ser jitkomplew in-negozjati u wara, matul dawn l-aħħar ġimgħatejn, saru żewġ laqgħat ta’ negozjati. L-ewwel laqgħa kienet tinvolvi preżentazzjoni tal-prinċipji min-naħa tal-Union, filwaqt li matul it-tieni laqgħa kellna r-reazzjonijiet inizzjali minn naħa tal-management. Dan sar filwaqt li komplejna bin-negozjati tal-ftehim kollettiv tal-MCAST, fejn dalwaqt inlestu l-ewwel qari, u l-ftehim kollettiv tal-ITS fejn bdejna t-tieni qari. Lejn l-aħħar ta’ din il-ġimgħa kellna wkoll laqgħa mal-awtoritajiet tal-iskejjel tal-knisja u ressaqna t-talba sabiex nibdew in-negozjati tal-ftehim kollettiv għall-edukaturi fl-iskejjel tal-knisja. Dan sabiex kif imwiegħed, il-ftehim ikun innegozjat b’mod parallel ma’ dak tal-iskejjel tal-istat.

Għajnuna lill-membri

In-numru ta’ membri li resqu għall-għajnuna matul dan ix-xahar kien wieħed kbir ħafna meta mqabbel mal-istess perjodu fis-snin li għaddew. Dan wassal għal ftit dewmien minħabba li għal numru ta’ jiem, wara li tista’ tgħid li matul l-aħħar xahar tal-kampanja elettorali, il-ħidma tal-Union kienet tiddependi biss fuq żewġ Uffiċjali. Għalkemm għad fadal numru ta’ każijiet pendenti minħabba n-natura kumplessa ta’ ċertu każijiet u l-mod kif kienu qed jiġu assistiti, nemmen li matul il-ġimgħat li ġejjin ser inkunu qed insolvu l-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet u dawk ġodda li ser jidħlu.

Rappreżentanza ekwa

Il-proċess imsemmi aktar kmieni hawn fuq ġie konkluż nhar l-24 ta’ Lulju, bil-ħatra ta’ Carmen Dimech bħala Segretarja Ġenerali, wara proċedura ta’ selezzjoni minn kumitat tal-għazla. Din il-ħatra, flimkien ma’ dik ta’ Elaine Germani bħala Viċi President, fissret li l-MUT issa għandha żewġ Uffiċjali għolja ġodda minn erbgħa. Għall-ewwel darba l-Union għandha mhux biss żewġ Uffiċjali full-time li jistgħu jirrappreżentaw aħjar in-numru konsiderevoli ta’ edukaturi nisa, iżda għandna rappreżentanza ekwa bejn in-numru ta’ Uffiċjali għolja nisa u rġiel. Dan sar mingħajr il-ħtieġa tal-ebda kwota u hu r-riżultat tal-livell ta’ kompetenza, rispett u esperjenza li għandhom Carmen u Elaine.

Xi jmiss

Fil-jiem li ġejjin, filwaqt li nkomplu n-negozjati msemmija, ser inkunu qed niltaqgħu mar-rappreżentanti tagħna u mal-management ta’ numru ta’ skejjel indipendenti sabiex nibdew, jew inkomplu skont il-każ, in-negozjati tal-ftehim kollettivi rispettivi tagħhom. Kif ikollna d-diskussjonijiet konklużi, l-akbar eżerċizzju li ser isegwi ser ikun dak ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-membri bħala parti mill-proċessi li jwasslu għall-approvazzjoni tal-ftehim settorali u kollettivi rispettivi. Dan filwaqt li diġà bdejna naħdmu sabiex intejbu l-proċeduri interni tal-Union biex il-membri jinqdew aħjar, niftħu l-parkeġġ fil-binja l-ġdida fil-Ħamrun, inwaqqfu servizzi ġodda għall-membri u nibdew ukoll inħaddmu sistema ġdida ta’ komunikazzjoni mal-membri.