L-edukazzjoni… kontinwazzjoni jew tiġdid?

Il-qasam edukattiv f’pajjiżna dejjem kien suġġett għal tibdil u qatt ma kien nieqes mill-kontroversja. Dan il-qasam daqstant essenzjali, li jwassal għall-formazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, kemm-il darba kien vittma ta’ deċiżjonijiet amministrattivi jew politiċi intiżi biss sabiex individwu jew aktar iħallu t-timbru tagħhom. Xi drabi, dawn id-deċiżjonijiet, taw il-frott mixtieq. Iżda drabi oħra għamlu ħsara kbira fis-sistema kif ukoll fl-esperjenza edukattiva tal-istudenti affettwati. Huwa fatt magħruf ukoll li l-ħsad fil-qasam edukattiv ma jsirx mil-llum għal għada, iżda wara diversi snin meta studenti jkunu għaddew miċ-ċiklu edukattiv li jgħodd mill-inqas ħdax il-sena.

Għalkemm nista’ nagħmel analiżi tal-ħidma fil-qasam edukattiv taħt it-tmexxija tal-Ministru Evarist Bartolo, inħoss li dan ikun prematur wisq għaliex tali analiżi ma tagħmilx ġustizzja mal-ħidma tal-istess Ministru. Li nista nsostni dwaru hu li dejjem ħabb il-qasam u bena relazzjoni bbażata fuq fiduċja reċiproka mal-MUT. Għalkemm l-MUT u l-awtoritajiet minn dejjem kienu fi gwerra eterna, il-livell ta’ djalogu fi żmien il-Ministru Bartolo dejjem kien preżenti. Dan filwaqt li anki meta kellna diżgwit serju, il-Ministru Bartolo dejjem kien disponibbli sabiex jidjaloga u jsib soluzzjoni. L-għan taż-żewġ partijiet kien dejjem l-istess, jiġifieri li noffru l-aħjar esperjenza għall-istudenti billi nsostnu lill-edukaturi kollha. Minn hawn nixtiequ nirringrazzjawh u nawgurawlu għal aktar ħidma għall-ġid tal-pajjiż.

Il-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid fissret tibdil fid-dekasteri fejn tħabbar li l-Ministru Owen Bonnici ingħata r-responsabbiltà tal-Edukazzjoni u x-Xoghol. L-MUT mill-ewwel għamlet kuntatt mal-Ministru Bonnici, fejn ferħitlu u fi ftit jiem saret żjara mill-istess Ministru lill-Ufficjali tal-MUT fil-kwartieri tal-Union fil-Ħamrun. Matul il-laqgħa introduttorja tkellimna dwar il-mod kif ser inkunu qed naħdmu, filwaqt li elenkajna l-prijoritajiet fil-qasam. Dawn li ġejjin huma wħud minnhom.

Malta Education
Wara l-istħarriġ ikkummissjonat mill-MUT u li sar minn Dr Vince Marmarà, fejn il-maġġoranza assoluta tal-edukaturi li pparteċipaw qablet li l-MUT tibda diskussjonijiet dwar il-proposta ‘Malta Education’, l-MUT ser tissokta bit-taħdidiet mal-Ministeru. Dan sabiex jiġi studjat sew jekk il-qasam edukattiv għandux jimxi mis-servizz pubbliku għas-settur pubbliku. Dan huwa fattur tekniku iżda li jagħmel differenza kbira u li għandu l-potenzjal li jagħmel ġid kbir lis-settur u l-kundizzjonijiet. Dawn id-diskussjonijiet għandhom ikomplu matul ix-xhur li ġejjin bi preparazzjoni għall-ftehim settorali ġdid għall-edukaturi.

In-nuqqas ta’ edukaturi u dawk li qed iħallu l-professjoni
Filwaqt li l-MUT u l-Miniseru qatt ma qablu dwar il-qies ta’ din il-problema, huwa fatt magħruf li għandna kriżi f’numru ta’ suġġetti u servizzi. Dan għaliex in-numru ta’ studenti li qed isegwu korsijiet li jwasslu għall-gradi tal-edukaturi huma limitati ferm filwaqt li f’ċertu suġġetti ma għandna lil ħadd. Din hija sitwazzjoni serja li teħtieġ miżuri immedjati bil-kollaborazzjoni tal-entitajiet u l-istakeholders kollha fil-qasam.

It-tilwima tal-gradi tas-Servizz għall-Istudent
L-MUT ilha diversi xhur f’tilwima mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar gradi tas-Servizz għall-Istudent u għandha direttivi fis-seħħ. Dan hu dovut għall-ftehim dwar dawn il-gradi li għadu ma ġiex konkluż. Dawn il-professjonisti ma ħadux it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u titjib finanzjarju miksuba għall-gradi oħra fil-ftehim settorali u għaldaqstant qed ikomplu jaqgħu lura minkejja s-servizz essenzjali li jagħtu lill-istudenti bħal dak ta’ “early childhood intervention”, counselling, gwida għall-karrieri u ħidma maż-żgħażagħ.

Negozjati dwar il-gradi Supply
Is-settur edukattiv huwa l-uniku wieħed fejn in-nuqqas ta’ edukaturi li għandhom il-kwalifiki kollha meħtieġa għadu jwassal sabiex jiġu mpjegati numru ta’ edukaturi li għandhom inqas kwalifiki u li jissejħu “supply”. Filwaqt li din hi sitwazzjoni li trid tiġi indirizzata, u għandhom isiru l-isforzi kollha sabiex jasal żmien fejn kull min jiġi mpjegat ikollu l-kwalifiki kollha meħtieġa, għandna nistmaw aktar lil dawn l-edukaturi “supply” li taw jew ser jagħtu servizz f’din il-kategorija. Ħafna minnhom fil-fatt ikollhom kwalifiki, inkluż Degree u saħansitra Masters, imma li jkunu differenti minn mir-rekwiżit mix-xogħol attwali. Hemm min, per eżempju, jkun gradwat f’suġġett tas-Sekondarja u peress li xogħol f’dak is-suġġett m’hemmx, dan l-għalliem jidħol jgħallem Primarja fejn hemm bżonn kbir.

L-MUT u l-Ministeru ilhom għaddejjin b’taħdidiet li għandhom iwasslu għal ftehim ġdid dwar dawn il-gradi. Dan sabiex jinħolqu l-istrutturi neċessarji sabiex dawn l-edukaturi jkunu jistgħu jersqu lejn impjiegi regolari wara li jiksbu l-esperjenza u l-kwalifika meħtieġa. Jeħtieġ li l-proċess ta’ negozjati jiġi fi tmiemu fl-iqsar żmien possibbli sabiex jinħolqu l-opportunitajiet li għandhom ikunu ta’ benefiċju għal dawn il-gradi u li tissaraf f’servizz aħjar lill-istudenti.

Il-gradi tekniċi fl-iskejjel
L-MUT għamlet kisbiet konsiderevoli għall-gradi tekniċi impjegati fl-MCAST. Dan wara diversi xhur ta’ negozjati bħala parti mill-ftehm kollettiv tal-MUT mal-entità. Dan it-titjib wassal sabiex il-maġġoranza tal-gradi tekniċi fl-iskejjel tal-Istat għażlu lill-MUT bħala l-Union li għandha tirrappreżentahom. Madanakollu t-talba għar-rikonoxximent ewlieni għadha ma ġietx milquha. L-MUT ser tkun qed tuża l-mezzi kollha sabiex ir-rieda tal-maġġoranza tal-membri tkun rispettata.

Anomaliji
Jeżistu anomaliji u inġustizzji dovuti għal deċiżjonijiet li ttieħdu u li affetwaw lil numru ta’ edukaturi. Dawn jinkludu anomaliji fis-salarji tal-gradi LSE2, fejn impjegati li daħlu fl-aħħar sena għandhom salarju aktar minn dawk li daħlu fl-istess grad qabilhom. Hemm ukoll il-kwistjoni dwar il-gradi msejħa “centre coordinators” li qed jagħmlu xogħol ta’ kapijiet ta’skejjel iżda dawn m’għandhomx ir-rikonoxximent. L-edukaturi affettwati minn dawn is-sitwazzjonijiet ilhom diversi xhur jistennew li tinstab soluzzjoni.

Ftehim kollettiv u settorali
Jeħtieġ li jingħelbu d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-ftehim settorali għall-edukaturi fl-iskejjel tal-istat u dak kollettiv fl-MCAST. Dan filwaqt li għandhom jissoktaw in-negozjati mal-Università ta’ Malta dwar ftehim kollettiv ġdid. Matul dawn l-aħħar tmien ġimgħat kien hemm waqfien fid-diskussjonijiet u jeħtieġ li nagħmlu tajjeb għaż-żmien li ntilef.

Ir-riforma tas-sillabi tal-MATSEC
It-tibdil fis-sillabi tal-eżamijiet tas-SEC mis-sena skolastika li jmiss qed iwassal għal tħassib kbir fost l-edukaturi. Huwa fatt li l-informazzjoni hi limitata u li din ser tigħata fix-xhur li ġejjin meta ser ikun tard wisq sabiex l-edukaturi jilħqu jippreparaw u jimplimentaw it-tibdil. Din hija sitwazzjoni li teħtieġ djalogu bejn kulħadd u li mbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet. Dan għaliex il-vittmi ta’ dan it-tibdil, jekk isir mingħajr preparazzjoni xierqa, ser ikunu kemm l-edukaturi u fl-aħħar mill-aħħar anki l-istudenti.

Dawn huma xi wħud mill-prijoritajiet u diffikultajiet li għandna. Nawguraw li l-Ministru Bonnici jagħmilhom tiegħu ukoll sabiex flimkien insibu s-soluzzjonijiet meħtieġa u nkomplu nibnu fuq dak kollu li hu tajjeb fi-qasam edukattiv.

Dan l-artiklu deher fil-gazzetta It-Torċa.

Ħalli kumment

Please log in using one of these methods to post your comment:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s