Fil-ħidma trejdjunjonistika fil-qasam edukattiv tiltaqa’ ma’ ħafna sitwazzjonijiet diffiċli u ta’ qtigħ il-qalb, iżda waħda mill-agħar sitwazzjonijiet li tista’ tiltaqa’ magħhom hija xi każ li fih xi edukatur ikun qed jisfa vittma ta’ abbuż fil-post tax-xogħol. Dan jinstema’ barra minn loku meta tikkunsidra li fil-qasam edukattiv il-ħin kollu għaddejjin kampanji sabiex nedukaw lit-tfal u ż-żgħażagħ sabiex jirrispettaw lil xulxin. Iżda bejn dak li nippritkaw u dak li jiġri fir-realtà hemm baħar jaqsam. Ser inkun qed naqsam xi ftit esperjenzi dwar dawn is-sitwazzjonijiet.
L-istaffroom
Dan hu ambjent li jinstab partikolarment fl-iskejjel sekondarji u postsekondarji, fejn l-edukaturi jkunu qed iħejju għal-lezzjoni li jmiss. In-natura xi ftit informali ta’ dan l-ambjent, in-numru ta’ edukaturi miġburin fi spazji kultant żgħar u l-frustrazzjoni ta’ xi wħud kemm-il darba wasslu għal sitwazzjonijiet abbużivi. Qed nitkellem hawnhekk dwar abbuż verbali bejn kollegi, meta sfortunatament dak li kultant naraw jiġri fil-klassijiet, fejn tfal jew żgħażagħ jiġu esklużi, redikolati jew jisfaw vittmi ta’ xi qlajja’, jiġi replikat fil-kuntest tal-istaffroom ma’ edukaturi li jisfaw vittmi ta’ aġir sistematiku ta’ xi wħud li jkun abbużiv. L-aktar li jweġġa’ hu l-fatt li għalkemm il-persuni li jkunu qed jorkestraw dan l-abbuż ikunu waħdiet, oħrajn jibqgħu gallarija u għaldaqstant jittolleraw u jappoġġjaw dak li jkun qed iseħħ. Edukatur li jisfa vittma ta’ sitwazzjoni bħal din jista’ jisfa iżolat u jinqata’ minn mal-kollegi sabiex jevita t-tali abbuż.
L-awtorità
Kull min għandu sehem fit-tmexxija jista’ jkun kaġun ta’ abbuż jew jisfa vittma tiegħu. Kelma bejn żewġ kollegi li tista’ tweġġa’ iżda li taf tgħaddi u ma tagħmel l-ebda ħsara tiġi amplifikata meta din tingħad minn persuni li għandhom l-awtorità. Ir-responsabbiltà ta’ kull min għandu pożizzjoni ta’ tmexxija hi kbira, u sfortunatament ċerti individwi jieħdu l-okkażjoni sabiex jaġixxu b’mod abbużiv fil-konfront ta’ edukaturi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Agħar minn hekk huma sitwazzjonijiet fejn l-aġir sistematiku abbużiv ta’ xi ħadd fit-tmexxija jiġi kkupjat minn oħrajn minħabba l-eżempju ħażin li jkun qed jingħata. Il-ħidma ta’ edukatur li jisfa vittma ta’ sitwazzjoni bħal din tkun imxekkla, u dan jaffettwa kemm ir-relazzjonijiet mal-kollegi kif ukoll dawk mal-istudenti. Madanakollu ma nistgħux ninsew li l-persuni li għandhom l-awtorità jistgħu jisfaw vittmi wkoll ta’ abbuż minn dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. F’kull post tax-xogħol, inkluż fl-iskejjel, issib individwi li għal xi raġuni jew oħra jkunu fi gwerra kontinwa mat-tmexxija tal-iskola. Filwaqt li ħafna drabi ż-żewġ partijiet ikollhom nuqqasijiet li jwasslu għal dan, xi kultant ma jkunx il-każ. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn it-tmexxija tal-iskola tiġi mxekkla kontinwament u tinħoloq sitwazzjoni ta’ firda.
Il-klassi
Il-klassi hi riflessjoni tas-soċjetà u kulħadd jieħu miegħu l-bagalja tiegħu, li ma jkollhiex biss il-kotba iżda l-esperjenzi varji li jgħaddi minnhom. L-istudenti jassorbu kulma jaraw u jisimgħu ħafna aħjar mill-adulti, u jirreplikaw kemm dak li hu tajjeb kif ukoll dak li f’għajnejna hu ħażin. L-abbuż fil-klassi bejn l-istudenti kif ukoll bejn l-istudenti u l-edukaturi hu aspett li ġie riċerkat sew. L-aktar aspett komuni hu l-abbuż verbali fil-konfront tal-edukaturi. Dan jieħu diversi forom, iżda l-qofol tiegħu hu li l-edukatur
jiġi redikolat sabiex f’għajnejn l-istudent titnaqqas l-awtorità tiegħu/tagħha filwaqt li l-istudent jissaħħaħ bħala l-bully tal-klassi. Dan hu aġir li ssibu prattikament f’kull skola u hu wieħed mis-sorsi ta’ frustrazzjoni tal-edukaturi. Xi kultant, u jiġu rrappurtati wkoll numru ta’ każijiet, din is-sitwazzjoni teskala u twassal għal abbuż fiżiku. L-istess bħalma jiġri fl-istaffroom, kif iddeskrivejt qabel, issib li xi studenti jibqgħu gallarija filwaqt li oħrajn jitħajru u għaldaqstant is-sitwazzjoni abbużiva tkompli tippersisti.
Il-media soċjali
Il-pjattaformi soċjali li nsibu qed iwasslu wkoll għal sitwazzjonijiet ta’ abbuż. Hawnhekk jidħol element ieħor: li l-abbuż jista’ jkun anonimu. Filwaqt li s-sitwazzjonijiet deskritti qabel jinvolvu persuni li ħafna drabi jidentifikaw ruħhom bl-aġir tagħhom, fil-media soċjali ssib min jinħeba wara l-keyboard u jorkestra aġir sistematiku abbużiv fil-konfront tal-edukaturi. Kellna diversi sitwazzjonijiet fejn xi edukaturi sfaw vittmi ta’ individwi anonimi li setgħu kienu kollegi, ġenituri jew studenti. Għalkemm meta dawn ġew irrappurtati ttieħdet azzjoni, fil-ftit jew ħafna ħin li l-kumment/i jkunu damu jidhru fil-media soċjali laħqu għamlu dannu kbir. Kumment li jdum ftit minuti fuq il-media soċjali jista’ jkollu udjenza ta’ eluf. Ninsab konvint li l-akbar sfida li għandna u li ser ikompli jkollna fis-snin Ii ġejjin ser tkun dwar l-użu responsabbli ta’ din il-media.
Ċirkustanzi oħra
Il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tal-istudenti jwassal ukoll għal sitwazzjonijiet abbużivi. Fl-iskejjel primarji dan hu l-ħin meta jsir kuntatt bejn il-ġenituri/kustodji u l-edukaturi. Filwaqt li jsir ħafna ġid minħabba dan il-kuntatt, l-ambjent mhux strutturat u kultant mingħajr superviżjoni tajba jwassal sabiex xi ġenituri/kustodji jaġixxu b’mod abbużiv fil-konfront tal-edukaturi. Kelma li ma tingħadx fl-iskola taf tingħad f’dan il-ħin. Dan minbarra sitwazzjonijiet li fihom xi ġenituri/kustodji jagħmlu ħin jgħidu fuq u kontra l-edukaturi waqt li jkunu qed jistennew lit-tfal joħorġu. Xi drabi kien hemm sitwazzjonijiet fejn dak li ntqal instema’ mill-klassijiet u ġie ripetut mill-istudenti, bi ħsara kbira għall-edukaturi involuti. Ċirkustanza oħra hi meta ma jkunx hemm ir-rispett tal-boundaries. Edukaturi li jaħdmu fl-istess lokalitajiet fejn jgħixu, u oħrajn li jiltaqgħu ma’ studenti jew ġenituri/kustodji f’postijiet barra mill-iskola spiss jisfaw vittmi ta’ kliem dispreġġattiv jew jiġu redikolati minn individwi li ma għandhom l-ebda rispett lejn il-ħidma tal-edukaturi.
Servizzi
Għalkemm it-tali sitwazzjonijiet jidhru diffiċli, illlum għandna servizzi li jistgħu jgħinu lil kull min jisfa vittma ta’ abbużi bħal dawn. Minbarra servizzi privati li wieħed jista’ jirrikorri għalihom, kemm il-Gvern kif ukoll employers oħra għandhom strutturi li joffru għajnuna terapewtika lill-vittmi ta’ xi abbuż. L-MUT ukoll għandha servizz għall-membri, li qed jingħata minn professjonist fil-qasam terapewtiku u li qed ikun ta’ għajnuna għall-edukaturi li jgħaddu minn ċirkustanzi bħal dawn. Għaldaqstant l-edukaturi li għaddejjin minn xi sitwazzjoni deskritta f’dan l-artiklu jew ċirkustanzi simili huma imħeġġa sabiex jitkellmu u jfittxu l-għajnuna.
Dan l-artiklu deher fil-gazzetta It-Torċa.