Fil-qasam edukattiv, bħal f’setturi oħra, ssib diversità sħiħa ta’ opinjonijiet, karattri u individwi. Issib min iżomm il-punt, oħrajn jimxu mal-kurrent, xi wħud li jibqgħu gallarija u oħrajn japprofittaw minn sitwazzjonijiet biex jidhru sbieħ.
Iżda fost dawn issib element, li jistgħu jesperjenzawh ilkoll u li jwassal għal frustrazzjoni, li huwa l-inġustizzja. Edukatur li jitkellem u jaqsam l-inġustizzji mal-oħrajn, ħafna drabi isib il-mod sabiex ikompli l-ħidma anke meta d-diffikultajiet ikunu kbar. Meta edukatur, iżda, jingħalaq u jżomm ġo fih, l-inġustizzji li jkun qed jgħaddi minnhom joħolqu sitwazzjoni li taffettwa mhux biss lill-istess edukatur imma wkoll lir-relazzjonijiet kollha.
Tajjeb li nħarsu lejn xi wħud miċ-ċirkustanzi meta jsir dan. Is-sitwazzjonijiet li ser jiġu deskritti joħorgu kollha minn esperjenzi li niltaqa’ magħhom fil-ħidma trejdunjonistika.
“Ma nitkellimx għax nibża’”
Il-biża’ hi element li ssibu fil-qasam tal-impjiegi, inkluż dak edukattiv. Xi kultant id-deskrizzjoni li tingħata dwar il-biża’ fil-post tax-xogħol tinstema’ surreali minn min ikun qed jaraha minn barra. Iżda huwa fatt magħruf li kemm kollegi u kif ukoll persuni li għandhom awtorità fl-iskejjel jafu jużaw mekkaniżmi sabiex joħolqu sens ta’ awtorità madwarhom li joħloq sens ta’ biża f’kull min jipprova jaħdem magħhom. Il-biża’ minn dawn l-individwi, li ħafna drabi tkun psikoloġika, twassal sabiex edukaturi li jsofru inġustizzja ma jitkellmux dwarha u għaldaqstant ma jkollhom l-ebda rimedju għal dak li jkunu għaddejjin minnu.
“Ma nitkellimx għax ipattihieli”
Filwaqt li din tintrabat mal-fatturi tal-biża’ deskritti aktar kmieni, ħafna drabi jkun hemm element ieħor, li huwa t-tpattija. F’ambjent tax-xogħol dejjem issib min ikun lest li jieħu azzjoni ta’ tpattija lejn kollegi jew edukaturi ohra. Ħafna drabi tisma’ stejjer ta’ azzjonijiet ta’ tpattija li jkun ħa individwu fil-konfront ta’ ħaddieħor. Dawn l-istejjer, li xi drabi jkunu minfuħa sew, ikomplu jsostnu l-element ta’ poter ta’ xi ħadd. Għaldaqstant edukaturi li jbatu inġustizzji jispiċċaw ma jitkellmux minħabba li jibżgħu mit-tpattija. Din twassal għal frustrazzjoni kbira.
“Ma nitkellimx għax ħaddieħor ma jgħid xejn”
F’post tax-xogħol huwa rari li persuna waħedha tkun qed issofri inġustizzja. Ħafna drabi ssib diversi edukaturi li jkunu fl-istess sitwazzjoni, iżda hemm tendenza li kulħadd jistenna lil ħaddiehor jieħu azzjoni sabiex ma jidhirx hu. Dan l-element ħafna drabi jwassal sabiex l-edukaturi lanqas jagħmlu sforz sabiex jingħaqdu u jiġġieldu l-inġustizzja bħala grupp għaliex ħadd minnhom ma jkun irid jidher. Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn l-individwi jibqgħu iżolati fit-tbatijiet rispettivi tagħhom u ma jitħarrkux mill-pożizzjoni tagħhom għalkemm tkun skomda.
“Ma nitkellimx għax kollu għalxejn”
Titħasseb sew meta tiltaqa’ ma’ edukaturi li jkunu qatgħu qalbhom li jaraw l-inġustizzji rispettivi jiġu indirizzati. Sfortunatament edukaturi li jbatu fis-silenzju ma jinqabdu mill-ebda statistika u għaldaqstant il-weġgħat tagħhom jiġu injorati. Iżda sabiex jasal sa dan il-livell, edukatur ikun għadda minn livelli oħra u s-sinjali għall-għajnuna dejjem ikunu preżenti. L-isfortuna hi li f’dinja mgħaġġla fejn ma għandna ħin għal ħadd, kultant lanqas għalina nfusna, it-talba għall-għajnuna tiġi injorata jekk ikun hemm xi ħadd li jinduna biha. Persuna f’sitwazzjoni ta’ qtigħ il-qalb minħabba li tħoss li ma jista’ jsir xejn sabiex tiġi indirizzata inġustizzja titlef ukoll il-fiduċja f’dawk li jippruvaw jgħinuha. Għaldaqstant huwa diffiċli li l-persuna tibda tafda sabiex tingħata l-għajnuna.
“Nitkellem għax sibt l-għajnuna”
Nista’ nidentifika diversi edukaturi li kienu jidħlu kexxun f’xi waħda minn dawn il-kategoriji u li llum qed jiġġieldu l-inġustizzji li jiltaqgħu magħhom bil-għajnuna tal-MUT. Ħafna drabi meta tinkiseb il-fiduċja, l-edukatur jagħmel il-kuraġġ u bil-għajnuna tal-uffiċjali tal-union jieħu l-azzjonijiet li ma jkunx qed jieħu qabel. Il-proċess iwassal sabiex persuni jiksbu l-fiduċja fihom infushom. Filwaqt li l-pariri tal-uffiċjali tal-union jistgħu iwasslu għal dan, l-MUT għandha wkoll servizzi ta’ għajnuna legali u ta’ għajnuna terapewtika li jassistu l-membri li jkunu qed jesperjenzaw sitwazzjoinijiet diffiċli bħal dawn li rajna. L-appell f’dawn iċ-ċirkustanzi u f’oħrajn simili huwa sabiex l-edukatur ifittex l-għajnuna u jitkellem sabiex jibda jiġġieled l-inġustizzji.
Dan l-artiklu deher fil-gazzetta Il-Mument.