Il-qasam edukattiv kien minn tal-ewwel li ġie affettwat minħabba l-miżuri li twettqu sabiex nilqgħu għall-COVID-19. Wara li l-MUT kienet ħadet diversi miżuri sabiex nissalvagwardaw is-saħħa u s-sigurtà tal-iskejjel, kien imiss li ssir pressjoni fuq l-awtoritajiet sabiex tibda d-diskussjoni li twassal għall-egħluq tal-iskejjel kollha. Iż-żmien kien kontra kullħadd u d-deċiżjoni li jingħalqu l-iskejjel ittieħdet mill-Gvern mingħajr ma kien hemm żmien ta’ preparazzjoni.
Għaldaqstant id-diskussjoni kellha ssir meta l-iskejjel kienu diġà magħluqin. F’laqgħa li intalbet b’urġenza mill-MUT mal-Prim Ministru u l-Ministru tal-Edukazzjoni, flimkien mal-awtoritajiet edukattivi u tas-saħħa, ġew stabbiliti l-parametri li fost l-oħrajn inkludew it-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma immexxi mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u li jinkludi lir-rappreżentanti tal-iskejjel tal-knisja, dawk indipendenti u l-MUT. Filwaqt li dan il-grupp iltaqa’ b’mod immedjat ftit tas-sigħat wara l-laqgħa msemmija, l-edukaturi ma qadux jistennew id-direzzjonijiet uffiċjali u mill-ewwel bdew isibu l-modi kollha possibli sabiex jilħqu lill-istudenti tagħhom u jkomplu joffru esperjenzi edukattivi lill-istudenti mid-djar.
Il-Prijorità
Fid-dawl ta’ dak kollu li qed iseħħ madwarna, għandna nibqgħu insostnu li l-prijorità hija s-saħħa. Dak li jsir, jew li ma jsirx, f’dan il-perjodu hu insinifikanti meta kkomparat mas-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minnha. Hawnhekk irrid inkun speċifiku. Din is-sitwazzjoni bla preċedent affettwatna lkoll. Affettwat lill-edukaturi u l-familji tagħna bħalma affettwat lill-istudenti u l-familji tagħhom. Forsi huwa żmien fejn qed naħsbu u nirriflettu iżjed, iżda l-aspett tas-saħħa għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kull ma’ jsir f’dan iż-żmien li għaddejjin minnu.
Tajjeb li nenfasizza li filwaqt li għandna nħarsu lejn il-protezzjoni kollha mill-COVID-19, għandna nħarsu wkoll lejn l-impatt ta’ din is-sitwazzjoni fuq is-saħħa mentali ta’ kull wieħed u waħda minna. Hawn persuni li għadhom mitlufin u qed isibuha diffiċli li jagħmlu sens minn dak kollu li għaddej madwarna. Oħrajn jistgħu jidhru li qed ikampaw iżda faċli jikkrollaw ukoll. Dawn jistgħu ikunu edukaturi, membri tal-familji rispettivi u studenti. Għandu jintwera l-akbar rispett possibli għall-ħtiġijiet tal-individwi.
Għaldaqstant hawn nappella għas-sensittività u l-kunsiderazzjoni tal-aspetti umani. Ħadd ma jista’ jippretendi li persuna titfi s-switch illum fil-postijiet tax-xogħol, jew studju, u tixgħelu l-għada f’ċirkustanzi kompletament differenti mid-dar qisu xejn m’hu xejn. Dan filwaqt li nappella wkoll għal sapport lil persuni li qegħdin isibu diffikultà f’dawn iż-żminijiet.
Il-Professjonalità
Waħda mil-lezzjonijiet li tgħallimna f’dawn il-ġimgħat hi li għanda nafdaw fil-professjonisti. Qed nagħmlu dan kuljum meta nsegwu d-direzzjonijiet li qed nirċievu mill-awtoritajiet tas-saħħa. Bl-istess mod l-istudenti u l-familji qed jafdaw fil-professjonalità tal-edukaturi li b’modi differenti qed jipprovdu esperjenzi edukattivi. Wieħed mill-prinċipji ewlenin, u li ġie maqbul mill-ewwel mal-awtoritajiet, hu li dan hu żmien ta’ ħidma iżda mhux żmien il-kontroll.
Filwaqt li huwa mpossibli li tikkontrolla lil xi ħadd f’dawn iċ-ċirkostanzi, ir-relazzjoni li qed tibena għandha tkun waħda bbażata fuq il-professjonalità u l-fiduċja. Il-maġġoranza tal-edukaturi marru lil hinn minn dak kollu li stajna nikkunsidraw u nipproponu, u dan hu xiehda tal-istess professjonalità. Fil-ħin li xi ħadd jipprova jagħti struttura li toħnoq din il-ħidma, l-edukaturi jerġgħu imorru għar-riġidità u għaldaqstant għal dak preskritt mill-awtoritajiet. Irridu nitgħallmu nafdaw il-professjonalità tal-edukaturi.
Il-Parametri
Waħda mid-diffikultajiet li qed ngħaddu lkoll minnhom huma l-parametri li qishom sparixxew hekk kif qed naħdmu mid-djar. L-MUT, permezz tal-konfederazzjoni affiljata fiha l-For.U.M., kienet minn tal-ewwel li ressqet ir-‘Right to Disconnect’ fl-aġenda nazzjonali. Illum din hija relevanti mmens għaliex huwa faċli li mpjegat jibqa’ ‘connected’ il-ħin kollu mingħajr distinzjoni bejn xogħol, il-ħin għall-familja u għall-mistrieħ. L-istess jingħad għall-istudenti fejn id-dar saret il-post ewlieni tal-istudju tagħhom. Il-parametri bejn xogħol u mistrieħ għandhom ikunu stabbiliti iktar minn qatt qabel. Dan jirrikjedi dixxiplina (self-discipline) fejn il-persuna tiddeċiedi hi stess li tieqaf f’ħinijiet stipulati u b’rutina. Fejn ir-rutina mhix possibli minħabba flessibiltà, xorta għandu jkun hemm ħin għax-xogħol u l-istudju, u ħin għall-mistrieħ. Madanakollu hu fir-responsabbiltà tal-awtoritajiet u ta’ min iħaddem li jirrispettaw dan. L-MUT ser tkompli taħdem sabiex il-parametri jigu rispettati.
L-Assessjar u s-Sillabi
Diskussjoni li għaddejja bħalissa, meta qed nikteb dan l-artiklu, hi dwar l-assessjar, b’mod partikolari l-eżamijiet. Fl-istess ħin għaddejja diskussjoni dwar is-sillabi u kif dawn jistgħu jibqgħu isiru fiċ-ċirkustanzi. L-MUT għaddiet il-pożizzjoni dwar l-eżamijiet lill-imsieħba kollha, kemm dwar l-eżamijiet tal-MATSEC, SEC, Benchmark u dawk annwali, u d-deċiżjoni ttieħdet mill-gvern ftit tal-jiem ilu bi qbil mal-imsieħba kollha.
Aspett importanti huma s-sillabi rispettivi, fejn l-MUT sostniet mill-ewwel li l-pass li jmiss hu li nħarsu lejhom aktar mill-qrib. Fis-sitwazzjoni preżenti, għandna studenti li qed jibbenefikaw ħafna mit-tagħlim li qed jingħata filwaqt li oħrajn qed jibbenefikaw inqas. Studenti li f’kuntest ta’ klassi kienu jmexxu fl-istudji illum jista’ jkun li qed isibu xkiel kbir għal diversi raġunijiet. Għaldaqstant ma nistgħux nassumu li l-istudenti kollha qed ikomplu bl-istudju u li aspetti mis-sillabi qed jintlaħqu. Jeħtieġ għalhekk li nħarsu lejn is-sillabi b’perspettiva bħal li kieku l-kontenut li kellu jsir f’dawn il-ġimgħat huwa mitluf kollu filwaqt li naraw kemm nistgħu nirkupraw mill-mitluf. Hekk biss nistgħu nassiguraw ekwita u ġustizzja soċjali mal-istudenti kollha.
Kuraġġ u determinazzjoni
Nagħlaq sabiex nagħti messaġġ ta’ kuraġġ. Ilkoll kemm aħna qed naħdmu sabiex ngħelbu din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha u sabiex nerġgħu lura għan-normalità fl-iqsar żmien possibli. Dan jeħtieġ, iżda, li nibqgħu naħdmu b’kuraġġ u determinazzjoni. Is-suċċessi kollha miksuba fl-aħħar snin fil-qasam edukattiv u l-prospetti tajbin li għandna għandhom jixprunawna sabiex nagħmlu ħilitna kollha biex nifhmu lil xulxin, ngħinu lil xulxin u ngħelbu d-diffikultajiet kollha. Nirringrazzja lill-edukaturi kollha u nerġa’ ntenni s-sapport tal-MUT f’dawn iż-żminijiet filwaqt li nawgura lill-istudenti aktar ħidma fejjieda fl-istudji tagħhom.
Dan l-artiklu deher fil-gazzetta It-Torċa.