It-tagħlim online lill-ġenituri

B’mod tradizzjonali, l-edukaturi jagħtu l-lezzjoni fil-klassi u wara jkun hemm xogħol ta’ konsolidament li jsir id-dar. Ħafna ġenituri kienu involuti f’dan il-proċess, li jinkludi l-homework, qari addizzjonali u riċerka. Madanakollu l-istess ġenituri ma kienux jesperjenzaw il-lezzjoni li kienet issir fl-iskola. Bil-kuntest il-ġdid tat-tagħlim online, ħafna ġenituri ġew esposti mil-lejl għan-nhar għal-lezzjonijiet b’mod dirett fil-kuntest informali ta’ djarhom.

L-għeluq tal-iskejjel wassal sabiex it-tagħlim, li mexa fuq pjattaformi diġitali, ħa xejra oħra minn dak li konna mdorrijin bih. Dan fisser li l-edukaturi baqgħu jilħqu lill-istudenti minn ġo djarhom iżda hemm fattur li jeħtieġ analiżi dettaljata għaliex qatt m’esperjenzajnieh qabel. Filwaqt li b’mod naturali tassumi li l-edukatur qiegħed fuq naħa tal-iskrin u l-istudent qiegħed fuq in-naħa l-oħra, ħafna drabi dan mhux qed ikun il-każ. Jeżistu tliet realtajiet. L-edukatur jista’ jkun qed jgħallem lill-istudent, fejn dan il-proċess jirreplika dak li jiġri fl-iskola. L-edukatur jista’ jkun qed jgħallem lill-istudent flimkien mal-ġenitur, u dan imur lil hinn minn dak li jsir fl-iskejjel. It-tielet xenarju hu li l-għalliem ikun qed jgħallem direttament lill-ġenitur u dan hu fattur kompletament ġdid fl-kuntest skolastiku. Dawn ir-realtajiet wasslu għal diversi sitwazzjonijiet, li ser nipprova nanalizza skont kif ġew irrappurtati lilna.

Bħala adulti inħarsu lejn is-snin li qattajna l-iskola bħala perijodu li nkluda mumenti ta’ ferħ, dwejjaq, frustrazzjoni, ansjetà u sodisfazzjon. Ħafna minna għandna idea ċara tal-iskola kif niftakruha minn meta konna tfal. Bosta minna l-aħħar darba li esperjenzajna t-tagħlim fi skola kien propju meta konna tfal. Il-pandemija wasslet sabiex adulti li huma ġenituri jew kustodji qed jerġgħu jesperjenzaw realtà ta’ tagħlim b’mod dirett. F’xi każijiet dan qed iservi ta’ ġid għaliex il-ġenituri jifhmu aħjar il-proċess tat-tagħlim, iżda f’xi każijiet dan qed iwassal għal frustrazzjoni li tiġi manifestata fi kritika inġusta lejn il-ħidma tal-edukaturi.

Din il-kritika trid tittieħed f’kuntest. L-esperjenza skolastika ta’ xi wħud ma kienx fiha l-ingredjenti kollha li elenkajna aktar kmieni iżda ħalliet impatt negattiv fuqhom għal diversi raġunijiet. Iċ-ċirkustanzi li għaddejjin minnhom qed jikkontribwixxu sabiex ġenituri jew kustodji jerġgħu jgħixu l-effetti negattivi li kellhom bosta snin ilu permezz tat-tagħlim li qed jesperjenzaw. Kuntest ieħor hu li l-esperjenza tas-suġġetti u t-tagħlim inbidlet matul is-snin. Jekk inħarsu lejn is-suġġetti huwa ċar li ħafna ġenituri qatt ma esperjenzaw suġġetti li daħlu f’dawn l-aħħar snin, li jinkludu fost l-oħrajn l-etika, suġġetti vokazzjonali, xi lingwi, xjenza u l-PSCD. Għal ħafna ġenituri dawn huma suġġetti li ma kellhom qatt u għaldaqstant ma jkunux jistgħu jgħinu lil uliedhom. Il-fiduċja fl-edukatur hi essenzjali.

Il-metodi tat-tagħlim ukoll inbidlu matul is-snin. Filwaqt li ħafna adulti għandhom esperjenza tal-blackboard jew whiteboard, fejn l-għan tal-lezzjoni kien jitniżżel ċar u kien hemm sekwenza ċara tal-proċess tat-tagħlim, dan l-aħħar snin il-metodoloġija evolviet. Qed ikollna ħafna lezzjonjiet li huma bbażati fuq l-experiential learning, fejn l-għan ma jkunx elenkat fil-bidu iżda joħroġ matul il-lezzjoni. Ġenituri u kustodji jistgħu jaraw dan bħala nuqqas ta’ struttura u għaldaqstant jaħsbu li hi nuqqas ta’ ħila tal-edukatur.

Fattur ieħor hu li fil-primarja ħafna adulti esperjenzaw edukatur wieħed għas-sena sħiħa u xi darba kull tant jiġi għalliem speċjalizzat fl-arti jew mużika jagħmel lezzjoni. Illum din m’għadhiex ir-realtà, fejn għandna ċirkustanzi ta’ tagħlim tas-suġġetti fis-snin tal-primarja li jsir minn numru ta’ edukaturi. Filwaqt li l-istudenti draw b’din is-sistema, il-ġenituri jew kustodji jistgħu jaraw wisq kumplikazzjoni li għandek numru ta’ edukaturi involuti fit-tagħlim. Edukaturi mhux biss huma differenti, iżda għandhom metodoloġija differenti minn xulxin. Fil-kuntest tal-lum jistgħu ikunu qed jużaw ukoll pjattaformi tat-tagħlim differenti minn xulxin. Fis-sekondarja, filwaqt li ħafna adulti għandhom esperjenza ta’ numru ta’ edukaturi fl-istess sena, l-istess bħal fil-każ tal-primarja, il-metodoloġija tat-tagħlim tvarja bħalma jvarjaw il-pjattaformi li jintużaw. F’għajnejn numru ta’ ġenituri it-tagħlim jista’ jidher li mhux konness flimkien u qisu kull edukatur miexi għal rasu.

Tajjeb li nsemmu wkoll il-fattur teknoloġiku. Filwaqt li kważi l-istudenti kollha mdorrijin bit-teknoloġija fit-tagħlim permezz tal-interactive whiteboards jew flat panels, kompjuters, tablets u l-pjattaformi diġitali, ħafna ġenituri jew kustodji ma kinux esposti għat-teknoloġija fit-tagħlim. Il-kuntest tal-pandemija wassal sabiex it-teknoloġija issa hi l-unika mezz tat-tagħlim, fejn xi wħud mill-ġenituri jħossu li ma jistgħux jgħinu lil uliedhom. Dan għandu jittieħed ukoll f’kuntest. Ħafna ġenituri qed jimbuttaw sabiex jaraw lill-edukatur jagħmel il-lezzjoni dak il-ħin fuq l-iskrin filwaqt li mhux qed iqisu l-kumplament tal-metodi tal-online teaching bħala validi. Dan huwa fattur li jorbot ma’ dak li semmejna. Il-live lessons jirreplikaw il-broadcasting jew ix-xandiriet televiżivi. Hu ċar li kulħadd huwa espost għal dawn ix-xandiriet u għalhekk ħadd ma jħossu konfuż meta minflok ma jara xandira fuq it-televixin jara xandira mill-edukatur fuq l-iskrin tal-kompjuter. Il-kumplament tal-mezzi l-oħra tat-tagħlim online huma dinja oħra li mhix magħrufa minn ħafna ġenituri, għalkemm hi magħrufa mal-istudenti. Dan in-nuqqas ta’ għarfien qed iwassal għal tqabbil bejn edukatur u ieħor li m’għandux ikun. Irridu nżidu wkoll li għad għandna min m’għandux l-infrastruttura diġitali fid-djar li taqdi għall-ħtiġijiet tat-tagħlim.

Naħseb li minn dan kollu joħroġ li fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li għaddejjin minnhom, jeħtieġ li naħdmu lkoll flimkien, edukaturi, ġenituri u studenti. L-esperjenza edukattiva tinvolvi l-komunità u lkoll għandna opportunità li nifhmu aktar lil xulxin u naħdmu għal għan wieħed, jiġifieri dak li noffru l-aħjar esperjenza ta’ taghlim lill-istudenti. Bħala soċjetà, bħalma qed nilħqu lill-istudenti, jeħtieġ ukoll li nilħqu lill-ġenituri u nindirizzaw id-diffikultajiet li qed ikollhom.

Nagħlaq billi nirringrazzja lill-edukaturi kollha tax-xogħol siewi li qed jagħmlu u nixtieq lill-istudenti suċċess fl-istudji tagħhom.

Dan l-artiklu deher fil-gazzetta Il-Mument.

Ħalli kumment

Please log in using one of these methods to post your comment:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s