Tgħid konna qed ngħixu l-aħjar żmien għall-edukazzjoni f’pajjiżna u ma konniex napprezzaw dan? Jew forsi l-aħjar żmien għadu ġej?
F’dinja li saret surreali mil-lejl għan-nhar, kultant tieqaf u tistaqsi dwar dak li tlift matul l-aħħar ġimgħat u jekk hux ser terġa’ tiksbu lura. Il-kumplessità li konna ngħaddu minnha ta’ kuljum fil-qasam edukattiv donna ilha li ebgħet diversi xhur filwaqt li l-aljenazzjoni u l-biżà li ġabet magħha l-pandemija qisu ħbiet id-diffikultajiet li konna niltaqgħu magħhom fl-iskejjel. Dan filwaqt li esponiet diffikulatijiet virtwali u mhux, ikkawżati mit-tagħlim li jsir fi pjattaformi diġitali. Kulma jgħaddi ż-żmien qed isir iktar probabbli li meta ser jiftħu l-iskejjel, ser ikun hemm diversi miżuri li, filwaqt li jħarsu l-aspett essenzjali tas-saħħa, ser ikunu ta’ detriment għall-esperjenza edukatttiva fl-iskejjel.
Kważi kważi ngħid li sakemm l-edukaturi qegħdin jaħdmu minn djarhom u l-istudenti qegħdin jitgħallmu b’mod virtwali, id-diffikultajiet u r-riskji huma pjuttost taħt kontroll. Li hu żgur hu li dan l-arranġament ma jwassal għall-ebda possibiltà ta’ tixrid tal-virus fl-iskejjel. Il-comfort zone, li għal ħafna saret qisa gaġġa li ma nafux meta ser joħorġu minnha, żgur li ser twassal għal reżistenza. Dan meta f’daqqa waħda nerġgħu inħarsu lejn il-ftuħ tal-iskejjel u nirritornaw fl-ambjenti ta’ densità kkawżata min-numru ta’ studenti u edukaturi fl-iskejjel. Jekk meta jiġri dan, il-virus ikun sparixxa qisu qatt ma kien xejn, mhu ser ikun hemm l-ebda diffikultà li jsir il-ftuħ tal-iskejjel. Iżda jekk, kif inhu mbassar, dan il-virus ser jibqa’ magħna, il-ftuħ tal-iskejjel ser iwassal għal sfidi enormi fil-qasam edukattiv. Żgur li l-miżuri restrittivi li ser ikollhom jittieħdu ser iwasslu għal biżà minn ħafna u mhux ser ikun faċli li din tingħeleb mil-lum għal għada. Iż-żmien li jista’ jitqies ta’ tranżizzjoni, jiġifieri mill-għeluq tal-iskejjel għal possibilment il-ftuħ totali tal-iskejjel kif konna mdorrijin bihom, jista’ jkun qasir jew twil. Dan iżda jibqa’ żmien ta’ tranżizzjoni. Għaldaqstant żgur li dan ma jistax jitqies bħala l-aħjar żmien għall-edukazzjoni.
Filwaqt li m’għandniex inkunu pessimisti dwar din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li nkunu ppreparati sew. Sakemm jasal iż-żmien sabiex tiftaħ is-sena skolastika u akademika f’Settembru li ġej, jew wara skont id-direzzjionijiet li jingħataw, jeħtieġ li nħarsu sew madwarna. Dan b’mod partikolari lejn l-esperjenzi ta’ pajjiżi Ewropej li fetħu l-iskejjel qabilna. Qed naraw diversi esperjenzi fil-midja dwar il-miżuri li qed jittieħdu minn diversi skejjel. Xi wħud huma minimi, bħat-teħid tat-temperatura u l-ilbies tal-maskla. Oħrajn huma kumplessi, bħal cubicles li ntramaw madwar l-imwejjed u l-affumikazzjoni tal-iskejjel. Diġà jeżistu gwidi maħruġa mill-UNICEF dwar dan u li flimkien mad-direzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa f’pajjiżna għandhom jiggwidawna sabiex nieħdu l-miżuri kollha neċessarji fiċ-ċirkostanzi.
Madankollu, filwaqt li jista’ jkollna l-aqwa pjanijiet possibbli u naddottaw l-aħjar miżuri li ħadu skejjel Ewropej, tħassibni ħafna n-nuqqas ta’ dixxiplina jew għaqal fit-twettiq tal-miżuri.
Sa ftit tax-xhur ilu kont immur fi skejjel u nara t-telqa li ċertu skejjel jinsabu fiha. Saħansitra fi skola minnhom kellna sitwazzjoni fejn l-anqas ilma ma kien hemm fil-faċilitajiet sanitarji. Kellna nheddu bi strajk sabiex din is-sitwazzjoni ġiet solvuta. Meta tiftakar dwar in-nuqqasijiet li għandhom numru ta’ skejjel fejn jidħlu l-faċilitajiet, żgur li ssaqsi kif dawn l-istess skejjel ser ikunu qed jieħdu l-miżuri adekwati meta l-ambjent tal-iskola mhux adattat. Kif ser inkunu qed nassiguraw l-ogħla standard ta’ tindif meta għandna skejjel li tnaddaf kemm tnaddaf għalxejn għax il-ħajt ifarfar, il-madum jiċċaqlaq, il-bitħa bil-madum tal-lasktu qed jinqala’ u s-suffett fil-klassijiet nieżel?
Meta ingħalqu l-iskejjel f’Marzu li għadda, l-MUT għamlet appell lill-Ministeru tal-Edukazzjoni biex juża l-perijodu tal-għeluq sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa fl-iskejjel. Filwaqt li ninsabu infurmati li hemm diversi xogħolijiet għaddejjin bħalissa, jeħtieġ li din il-ħidma tiffoka fuq il-ħtiġijiet li ser ikollhom l-iskejjel meta dawn jerġgħu jiftħu. Żgur li mhux ser naċċettaw sitwazzjoni li minħabba traskuraġni, nuqqas ta’ ħila jew nuqqas ta’ manutenzjoni, nirriskjaw is-saħħa tal-edukaturi u tal-istudenti.
Għaldaqstant nerġgħu intennu l-istess appell. Id-diskussjoni dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel għadha kemm bdiet iżda l-ħtiġijiet tal-iskejjel huma magħrufa. L-aħjar żmien fl-edukazzjoni ser jiġi meta nkunu nistgħu niftħu l-iskejjel bl-istess mod kif kienu miftuħin qabel il-pandemija. Sadanittant għandna nagħmlu minn kollox sabiex inkomplu noffru l-aħjar esperjenza edukattiva lill-istudenti. Dan filwaqt li rridu nkunu ppreparati sew għall-ftuħ eventwali tal-iskejjel, bil-prekawzjonijiet kollha li ser ikollna nieħdu fiċ-ċirkustanzi. L-MUT għadha kemm bdiet id-diskussjoni dwar dan, kemm mal-edukaturi u kif ukoll mal-Gvern.
Dan l-artiklu deher fil-gazzetta Il-Mument.